Gallery

ATTIVITAJIET: Ix-Xlokk l-Ewwel Art


DSC_4448CMat-tbexbix ta’ nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Mejju 1565, dehru l-ewwel xwieni Torok fuq ix-xefaq tax-Xlokk.  Il-kanuni ta’ Sant Iermu u Sant’ Anġlu ġew sparati biex javżaw ’l Imdina u ‘l Għawdex bil-wasla tal-għadu.  Mas-sinjal, in-nies bdew jinġabru għall-kenn tal-Birgu u l-Imdina.  Sa nofsinhar tal-għada s-Sibt, it-Torok kienu diġa’ niżżlu 3,000 suldat u bdew mexjin lejn iż-Żejtun.  Qrib iż-Żejtun saret l-ewwel taqtigħa mal-Insara.  Dan kien il-bidu tal-Assedju l-Kbir tal-1565.  Ix-Xlokk ta’ Malta kienet l-ewwel art li fuqha rifsu t-Torok, 450 sena ilu.

Wara li s-sena l-oħra Wirt iż-Żejtun fakkret l-400 sena mill-aħħar ħbit tat-Torok tal-1614, kien xieraq li din is-sena ningħaqdu mal-kumplament tal-pajjiż sabiex infakkru għeluq l-450 sena mill-Assedju l-Kbir.  Ħassejna li din it-tifkira niċċelebrawha bit-twettiq ta’ proġett ta’ restawr utli f’gieh il-wirt kulturali li għandna fiż-Żejtun.  Xtaqna li dan il-proġett b’xi mod ikollu x’jaqsam max-Xlokk ta’ Malta, l-ewwel art li fuqha niżlu t-Torok meta invadew lil Malta fl-1565.  U għalhekk ġie deċiż li tiġi restawrata mappa unika minquxa fil-ġebla Maltija li turi d-dehra tax-Xlokk ta’ Malta bix-xemx tiela’ mil-Lvant.  Din il-mappa tinsab fuq il-bieb prinċipali tad-dar tas-Sorijiet Ulied il-Qalb ta’ Ġesu’, fi Triq San Luċjan, viċin ħafna tal-iskola primarja taż-Żejtun, u li nċidentalment, kienet ukoll tintuża bħala waħda mill-ewwel skejjel fiż-Żejtun.

Min-naħa ta’ Wirt iż-Żejtun, ridna li l-intervent ta’ konservazzjoni u restawr li jsir mill-għaqda, jkun wieħed professjonali u etikament korrett.  Kien għalhekk li tqabbdet sa biex tagħmel dan ix-xogħol Jane Marie Vella, restawratriċi professjonali miż-Żejtun.  Ix-xogħol kien jikkonsisti f’tindif, konsolidazzjoni u restawr ta’ partijiet nieqsa u sar matul ix-xahar t’April.  Il-kxif tal-mappa restawrata sar mill-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Kunsilli Lokali, l-Onor Dr Owen Bonnici, waqt lejla mużiko letterarja li ittelgħet nhar it-30 t’April 2015.

This slideshow requires JavaScript.

Ritratti: Frank Marsh

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s