Attivitajiet li saru fl-2011

Intervista ma’ Trevor Zahra dwar missieru Walter

13 ta’ Diċembru 2011

Nhar it-13 ta’ Diċembru 2011 kien għeluq l-ewwel sena minn meta ġie approvat l-ewwel statut ta’ Wirt iż-Żejtun u għalek ħsibna biex intellgħu attivita speċjali f’għamla ta’ intervista pubblika ma’ Trevor Zahra fejn tkellimna dwar missieru Walter.

Walter kien persuna li kellu għal qalbu il-wirt storiku u kien attiv mhux biss fil-lokal iżda wkoll fuq livell nazzjonali. Ħadem ħafna b’risq wirt iż-Żejtun u kien impenjat f’diversi oqsma fiż-Żejtun.

Matul din l-attivita’ kellna wkoll messaġġ mill-Awstralja minn persuna li ħadmet b’mod dirett fil-kumitat ta’ Wirt iż-Żejtun fis-snin sebgħin.

Naħdmu Presepju ma’ tal-MUSEUM

30 ta’ Novembru 2011

Nhar l-Erbgħa 30 ta’ Novembru, Wirt iż-Żejtun għamilna attivita’ għat-tfal marbuta mall-festi tal-Milied. It-tfal inġabbru fil-qasam tal-MUSEUM subien taż-Żejtun u hemmek permezz ta’ l-għajnuna li sibna mis-Superjur u is-Soċi tal-MUSEUM, it-tfal esperjenzaw il-bini ta’ presepju tradizzjonali.

Din l-arti tal-bini ta’ presepji sfortunatament qiegħeda tintilef, iżda fl-oqsma tas-Subien tal-MUSEUM mifruxa madwar Malta u Għawdex din it-tradizzjoni għadha ħajja. Ta’ kull sena is-Soċji jkollhom biċċa xogħol kbira biex jaħdmu mijiet ta’ presepji żgħar u eluf ta’ pasturi sa biex qrib il-Milied issir il-Premjazzjoni u dawn jingħataw lis-subien li jkunu attendew għall-laqgħat matul is-sena.

Fl-attivita’ li kellna, in-numru sabiħ ta’ tfal li attendew tqassmu fi gruppi differenti u kellhom iċ-ċans jibnu presepju huma stess, kif ukoll intwerrew u ġie spjegat lilhom kif isiru il-pasturi tal-ġibs. It-tfal tgħallmu u ħadu gost flimkien u lkoll ħarġu f’idejhom bi presepju żgħir li bnew huma stess.

Tislima lil dawk li għamlulna unur

20 ta’ Novembru 2011

Nhar il-Ħadd 20 ta’ Novembru, Wirt iż-Żejtun sellimna lil dawk iż-Żwieten li fl-imgħoddi permezz ta’ ħidmiethom, it-talenti tagħhom jew b’sehem ieħor għamlu ġieh u unur lil beltna.

Din l-attivita’ bdiet b’quddiesa fil-Knisja Parrokkjali immexxija mill-Arċipriet Dun Eric Overend fejn ġiet offrutha għal ruħ dawn il-persuni. Wara il-quddiesa sar korteo sal-knisja ta’ Sant’ Anġ fejn ingħatat tislima lil Girgor Bonici, benefattur ewlieni lipermezz tiegħu setgħat tinbena il-knisja parrokkjali il-ġdida fl-aħħar tas-seklu sbatgħax. Wara li sar talb fuq il-qabar tiegħu li hemm fl-istess knisja, tqiegħedet kuruna tal-fjuri bħala sinjal ta’ rikonoxximent.

Preżenti għal quddiesa u t-tislima kien hemm il-Viċi Sindku is-Sinjura Joan Agius, it-tmexxija u membri ta’ Wirt iż-Żejtun, rapreżentanti mill-Għaqda Mużikali Beland, Circolo Musicale Santa Caterina u l-Għaqda Banda Zejtun.F’din l-attivita’ kien hemm ukoll il-parteċipazzjonu sħiħa tal-iScouts u Girl Guides taż-Żejtun. Lil dawn nirringrazzjawhom tal-parteċipazzjoni tagħhom, kif nirringrazzjaw ukoll lil familja Spiteri Debono li tawna l-aċċess għall-knisja ta’ Sant Anġ.

Il-ħsieb ta’ Wirt iż-Żejtun huwa li din l-attivita’ issir kull sena matul ix-xahar ta’ Novembru u ta’ kull sena nsellmu persunaġġ differenti.

Wirja – “Wirt iż-Żejtun taħt il-Lenti”

21 sa 25 ta’ Settembru 2011

Nhar l-Erbgħa 21 ta’ Settembru, hekk kif kien pjanat, ġiet miftuħha il-wirja “Wirt iż-Żejtun taħt il-Lenti”. Il-wirja infetħet mill-Kanonku Dun Joe Abela u għall-okkażżjoni tal-ftuħ kien hemm attendenza sabiħa.

F’din il-wirja ġew esebiti erbgħa u għoxrin ritratt li inġibdu minn tmin parteċipanti f’kompetizzjoni ta’ fotografija li ġiet organizzata minn Wirt iż-Żejtun fil-ġimgħat ta’ qabel. Minn dawn it-tmin parteċipanti tlieta kienu miż-Żejtun.

Is-suġġetti magħżula mill-fotografi varjaw minn arkitettura għall-karattri Żwieten. Kien hemm min għażel l-għana bħala suġġett u oħrajn snajja u delizzji. Kull min attenda apprezza ħafna is-sbuħija ta’ dawn l-imaġni.

Waqt il-ftuħ tal-wirja gew imħabbra u premjati ir-rebbieħa filwaqt li ingħata ċertifikat lil kull parteċipant.

Waqt il-wirja ġie imniedi wkoll video promozzjonali dwar Wirt iż-Żejtun, kif ukoll fuljett informattiv li tqassam waqt il-wirja u aktar tard fid-djar kollha taż-Żejtun.

Irridu insemmu wkoll li din il-Wirja ma kienetx tkun possibbli li kieku ma sibniex l-għajnuna ta’ Nexos Lighting and Vision, Maltasight Seeing ta’ Supreme Travel u il-Malta Institute of Professional Photography.

Il-Manuċċa

18 t’Awissu 2011

Il-manuċċa hija il-kelma li tintuża miż-Żwieten meta jirreferu għal dik li il-kumplament tal-Maltin isejjħu tajra, ħamiema jew fjamma.

Sa ftit aktar minn għoxrin sena ilu it-tfal u iż-żgħażagħ, b’mod speċjali matul il-vakanzi tas-sajf erħilhom jaħdmu manuċċa wara oħra b’disinni differenti u waħda ikkulurita aktar minn oħra.  Hekk kif ilestuha kienu jsibu xi għalqa minn fejn itajjruha u hekk kont tara is-sema mimlija tikka ħdejn oħra.  Dan tista’ tgħid kien wieħed mill-aktar delizzji popolari li sfortunatament kellu jagħmel il-wisgħa għall-logħob diġitali fuq il-kompjuter jew xi logħoba diġitali fl-idejn.

Wirt iż-Żejtun, b’impenn li nippruvaw insalvaw dawn it-tradizzjonijiet u possibilment inħajjru lit-tfal tal-llum jagħrfu is-sabiħ f’dawn id-delizzji u tradizzjonijiet, tlabna lil Lino Psaila biex jaqsam magħna is-sengħa u l-arti li għandu f’dan il-qasam.  Min jaf forsi is-sena id-dieħla norganizzaw xi kompetizzjoni tal-manuċċi!

Din l-attivita’ saret fiċ-Ċentru ta’ l-Arti u l-Artiġġjanat tal-Kunsill Lokali li jinsab fi Triq San Girgor quddiem id-Domus u li għaliha attendew tlettax il-tifel u tifla flimkien ma’ xi ġenituri.  Kien hemm attendenza mhux biss minn tfal Żwieten iżda wkoll minn bliet u irħula oħra.  Fl-aħħar ta’ l-attivita’ kull tifel u tifla ingħataw manuċċa.

Sa biex naqsmu l-informazzjoni li qasam mat-tfal Lino waqt din l-attivita’ ser inkunu qed intellgħu fuq dan is-sit filmati li ħadna waqt din l-istess attivita’.

JEKK TIXTIEQ TARA FILMAT SĦIĦ TA’ DIN L-ATTIVITA’ IKKLIKKJA HAWN.

Lejla fi Ġnien Luqa Briffa

29 ta’ Lulju 2011 

Wirt iż-Żejtun organizza lejla informattiva u rikreattiva fi Ġnien Luqa Briffa.

Matul din il-lejla kellna żewġ mistednin u esperti fl-oqsma rispettivi tagħhom. Dr Malcolm Borg għamel preżentazzjoni qasira dwar l-istorja ta’ dan il-ġnien u l-iskop li għalih kienu saru il-Ġonna tal-Kmand madwar diversi lokalitajiet f’Malta. Dr Joseph Buhagiar dawwarna madwar il-ġnien u urina diversi siġar rari li tħawwlu f’dan il-ġnien matul iż-żminijiet.

Fi tmiem l-attivita’ tqassmu it-tesseri lil membri preżenti u ħadna xi ħaġa friska flimkien.

Dwar il-Kelliema

Dr Malcolm Borg huwa planner u għandu Ph.D. fl-ippjanar u l-urbanizazzjoni mill-Universita’ ta’ Leeds. Speċjalizza wkoll fil-qasam ta’ l-immaniġjar tal-wirt kulturali f’Ruma u Turin u matul dawn l-aħħar 10 snin għallem dwar dawn l-oqsma fl-Universita’ ta’ Malta.

Dr Borg ħadem f’dan is-settur għal dawn l-aħħar ħmistax il-sena u okkupa karigi fi ħdan il-MEPA, il-Ministeru għaż-Żagħżagħ u Kultura, il-Ministeru ta’ l-Iżvilupp Urban u Toroq u il-Ministeru ta’ l-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni.  Dr Borg huwa l-awtur tal-ktieb British Colonial Architecture – Malta 1800-1900. Hu joqgħod iż-Żejtun u fil-preżent jokkupa il-kariga ta’ Segretarju Ġenerali ta’ Wirt iż-Żejtun.

Dr Joseph Buhagiar twieled iż-Żejtun u ħa l-edukazzjoni primarja tiegħu fl-iskola tal-gvern taż-Żejtun stess u l-edukazzjoni sekondarja fil-Kulleġġ Santu Wistin. Huwa gradwa fil-B.Ed. u għallem il-bijoloġija. Aktar tard speċjalizza barra minn Malta fil-Botanija u studji xjentifiċi tal-ħamrija u ħa il-Ph.D mill-Universita’ ta’ Notthingham.

Dr Buhagiar fil-preżent huwa lekċerer fid-Dipartiment tal-Bijoloġija ta’ l-Universita’ ta’ Malta u huwa wkoll id-Direttur tal-ġonna botaniċi ta’ l-Argotti.  Huwa qed jispeċjalizza fir-riċerka ta’ estratti meħuda minn pjanti indiġeni u endemiċi u qed jistudja kif dawn jistgħu ikunu ta’ użu fil-kura tal-kanċer.

JEKK TIXTIEQ TARA FILMAT SĦIĦ TA’ DIN L-ATTIVITA’ IKKLIKKJA HAWN

Żjara għall-Membri fuq is-sit tal-Villa Rumana

30 ta’ Ġunju 2011

Membri ta’ Wirt iż-Żejtun kellhom l-opportunita’ li jżuru il-Villa Rumana li tinsab fil-konfini ta’ l-Iskola Sekondarja tal-Bniet (Ex-Liċeo Carlo Diacono) fiż-Żejtun.

Il-membri ġew imdawwra min Dr Nicholas Vella, li flimkien mall-Professur Anthony Bonanno, mid-Dipartiment ta’ l-Istudju Klassiċi u Arkeoloġija qed jidderiġu l-iskavi li qed isiru f’dan is-sit minn grupp ta’ studenti ta’ l-arkeoloġija.

Il-membri kellhom il-ħin li jistaqsu dwar dan is-sit u dak li ġie skopert s’issa, u kellhom tweġibiet interessanti minn Dr Vella.

Dr Vella spjega l-iskoperti l-aktar interessanti li kien hemm s’issa fuq dan is-sit u stqarr li f’dan is-sit għall-ewwel darba ġie ikkonfermata it-tejorija li dejjem ħadnu l-arkeologi, li bosta drabi siti bħal dawn kienu użati saħansitra qabel il-perjodu Ruman, jiġifieri fl-era Punika. Dan il-punt iqiegħed dan is-sit fuq livell ta’ importanza nazzjonali. Dr Vella saħaq fuq il-punt li wieħed m’għandux jara u jistudja dan is-sit waħdu, iżda irid jiġi meqjus fil-kuntest ta’ dak li hemm madwaru, b’mod partikolari skoperti arkeoloġiċi oħrajn u it-topografija ta’ l-art.

Wirt iż-Żejtun tixtieq trodd ħajr lil Professur Bonann0 u lil Dr Vella għal din l-opportunita’ unika li taw lil membri tagħna u nirringazzjaw ukoll lil Kap ta’ l-Iskola li tatna aċċess għal dan is-sit minn ġo l-istess skola.

Żjara f’Għar Dalam mill-Klabb tat-Tfal

22 ta’ Mejju 2011

Nhar il-Ħadd 22 ta’ Mejju saret l-ewwel attivita’ għat-tfal li diġa issiehbu fil-Klabb tat-Tfal ta’ Wirt iż-Żejtun, din kienet żjara edukattiva f’Għar Dalam u il-Mużew li hemm miegħu.

It-tfal iddawru mill-gwida ta’ Heritage Malta fejn spjegalhom il-mod kifżviluppa dan l-għar u għaliex instab fih ammont kbir ta’ għadam ta’ annimali li m’għadniex insibu f’pajjiżna. F’dan l-għar ukoll instabu l-eqdem ħjiel ta’ ħajja umana fuq gżiritna.Wara li ddawwru fil-mużew, it-tfal niżlu fil-għar u matul il-passaġġ huma u niżlin setgħu mhux biss japprezzaw l-ambjentnaturali li jsebbah lil Wied Dalam iżda wkoll raw numru ta’ siġar indiġeni li tħawwlu apposta matul il-mgħodija.

Il-gwida spjega lit-tfal il-formazzjonijiet u saffi differenti li nsibu f’dan l-għar kif ukoll setgħu jaraw numru ta’ stalagmiti u stalaktiti.

Fl-aħħar parti taż-żjara it-tfal kellhom ix-xorti li huma stess jagħmlu skav arkeoloġiku fil-ġnien tal-mużew, f’post maħsub apposta bil-għan li it-tfal isiru jafu aktar x’titlob din il-professjoni hekk sabiha. It-tfal ħaffru ġor-ramel u sabu għadam ta’ animali.

It-tfal inagħtaw ktejjeb maħsub apposta sa biex meta jmorru lura d-dar ikunu jistgħu jagħmlu eżerċizzji sempliċi dwar dak li raw u semgħu.

Din l-attivita’ organizzata minn Wirt iż-Żejtun kienet waħda mill-attivitajiet li fakkret flimkiem ma’ l-ICOM il-Jum Internazzjonali tal-Mużewijiet. Iż-żjara saret bil-għajnuna ta’ Heritage Malta.

ikklikja hawn biex tara aktar ritratti

Iċ-Ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fiż-Żejtun fl-Imgħoddi

12 t’April 2011

Għall-ewwel darba,  Wirt iż-Żejtun organizzat intervista pubblika ma’ persuna anzjana biex taqsam ma’ dawk preċenti il-memorji tagħha dwar xi avenniment partikolari.

Il-persuna li għażilna għal din l-ewwel intervista kien it-Tabib Alexander Cachia Zammit u qasam magħna, bil-għajnuna ta’ mistoqsijiet li għamlitlu il-ġurnalista Fiona Vella, il-memorji tiegħu ta’ kif kienu jiġu iċċelebrati il-funzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa fiż-Żejtun.

L-udjenza li inġabret fl-Oratorju tas-Sagrament waqt din l-intervista, semgħet b’interess dak kollu li kellu x’jirrakonta it-Tabib Cachia Zammit.   Dak kollu li intqal, Wirt iż-Żejtun ħadet ħsieb li jibqa’ iddokumentat b’permezz ta’ rekording audio kif ukoll viżiv sa biex jista’ jservi ta’ referenza ‘l quddiem.

Wirt iż-Żejtun tirringrazzja mill-qalb lit-Tabib Alexander Cachia Zammit li mall-ewwel aċċetta l-istedina tagħna sa biex jiġi intervistat, kif ukoll lil-Parroċċa taż-Żejtun u tal-Kumitat Festi Ġimgħa l-Kbira taż-Żejtun.

ikklikja hawn biex tara aktar ritratti

Mixja Kulturali fir-Raħal t’Isfel

20 ta’ Marzu 2011

Sa biex jittfakkar Jum iż-Żejtun li ġie iċċelebrat fid-19 ta’ Marzu, nhar il-Ħadd 20 ta’ Marzu, Wirt iż-Żejtun organizzat mixja għall-familja fit-toroq ta’ Casal Bisqallin jew kif inhu magħruf minn nies tal-lokal – ir-Raħal t’Isfel.

Għal din il-mixja ħadna ħsieb biex bil-għajnuna ta’ l-Arċipriet taż-Żejtun, Dun Eric Overend, kellna l-opportunita’ li nidħlu fil-kappella tas-Salvatur u fil-kappella ta’ San Klement.

Mr Ray Gatt offrilna l-opportunita’ wkoll li nidħlu f’parti minn Villa Cagliares.

Din il-mixja bdiet minn fuq iz-zuntier tal-knisja parrokkjali u minkejja li it-temp ma kien xejn sabiħ kien hemm parteċipazzjoni qawwija.  L-attivita’ intlaqgħet tajjeb ħafna minn dawk li attendew.

 ikklikja hawn biex tara aktar ritratti

Tnedija tas-Sit Elettroniku

13 ta’ Marzu 2011

Waqt is-Seminar Annwali tal-Kunsill Lokali, Wirt iż-Żejtun nediet is-sit elettroniku uffiċċjali tagħha www.wirtizzejtun.com.

Seminar Annwali mill-Kunsill Lokali

13 ta’ Marzu 2011

Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun, bħal kull sena reġa’ organizza seminar bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum iż-Żejtun.  Din is-sena is-seminar itratta it-tema: “Wirt iż-Żejtun qiegħed jiġi apprezzat?”.

Bħala kelliema f’dan is-seminar kien hemm Dr Nadia Theuma (Uffiċċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi ta’ Wirt iż-Żejtun); Rev Dun Eric Overend (Arċipriet tal-Parroċċa taż-Żejtun); u il-Perit Ruben Abela (President ta’ Wirt iż-Żejtun).  Is-seminar tmexxa mis-Sur Toni Seychell li huwa il-Kunsillier responsabli mill-Istorja, Kultura u Turiżmu fi ħdan il-Kunsill Lokali.

Għal dan is-seminar kien hemm parteċipazzjoni tajba ħafna minn naħa tal-pubbliku, waqt li kien hemm ukoll diskussjoni interessanti ħafna.

L-Ewwel Laqgħa Ġenerali Annwali

30 ta’ Jannar 2011

Nhar il-Ħadd 30 ta’ Jannar saret l-ewwel Laqgħa Ġenerali Annwali ta’ Wirt iż-Żejtun.  Il-laqgħa saret fis-Sala Mikiel Cachia fl-uffiċċji tal-Kunsill Lokali taż-Żejtun u għaliha attendew numru sabiħ ta’ membri.

Matul din il-laqgħa ġie elett l-ewwel Kumitat Eżekuttiv ta’ l-għaqda li ser ikun qiegħed iservi għas-sentejn li ġejjin.  Għalkemm l-istatut jipprovdi għal tlett postijiet ta’ membri fil-kumitat, minħabba li kine hemm kontestazzjoni ta’ erba’ persuni ghal dawn il-positijiet, waqt il-laqgħa stess ġie deċiż li għal din id-darba biss jiġu maħtura l-erba’ li huma fil-kumitat.

Il-Kumitat Eżekuttiv huwa imexxi mill-Perit Ruben Abela bħala President, filwaqt li is-Segretarju Ġenerali huwa Dr. Malcolm Borg Is-Sur Jesmond Cutajar huwa it-Teżorier ta’ l-għaqda, waqt li l-Uffiċċjali għar-Relazzjoniiet Pubbliċi hija Dr Nadia Theuma.  L-erba’ membri tal-kumitat huma is-Sur Carl Grech, is-Sinjura Ninette Sammut, il-Perit Audrey Testaferrata de Noto u is-Sur Keith Vella.

Wara li ġie maħtur il-Kumitat Eżekuttiv, għamel diskors qasir il-President ta’ l-għaqda fejn ta ħarsa lejn dak li ser ikunu qed jistennew il-membri mill-għaqda f’dawn is-sentejn li ġejjin.

One response to “Attivitajiet li saru fl-2011

  1. i wish to see some old photos of zejtun parish church

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s