Dwar Wirt iż-Żejtun

Kif twaqqfet?

Wirt iż-Żejtun hija għaqda volontarja, mhux governattiva u li ma tgħamilx qliegħ.  Il-ħidma tagħha hija fil-qasam tal-ħarsien tal-wirt kulturali fil-lokal taż-Żejtun.  L-għaqda ġiet iffurmata fuq inizzjattiva ta’ grupp ta’ nies, il-biċċa l-kbira minnhom residenti Żwieten, b’permezz ta’ riżoluzzjoni li ġiet approvata waqt laqgħa li nżammet fit-3 ta’ Ottubru 2010.

L-istatut ta’ din l-għaqda ġie approvat fit-13 ta’ Diċembru 2010 u immedjatament wara bdew jinkitbu l-ewwel membri.  L-ewwel Laqgħa Ġenerali Annwali saret fit-30 ta’ Jannar u fiha ġie elett l-ewwel kumitat eżekuttiv għas-sentejn li ġejjin.

Stqarrija ta’ Missjoni

 L-istqarrija ta’ missjoni ta’ l-għaqda huwa:

“Flimkien inkattru l-interess u r-rispett lejn il-wirt naturali, kulturali, ambjentali, storiku, etnografiku u arkeoloġiku kemm tanġibbli kif ukoll intanġibbli li għaddewlna ż-Żwieten ta’ qabilna biex inħarsuh, nivvalorizzawh, inkattruh u ngħadduh liż-Żwieten ta’ warajna fl-aħjar stat possibbli, f’kull livell tas-soċjeta’ u fl-isfond ta’ żvilupp sostenibbli.”

Il-Viżjoni

Il-viżjoni tal-għaqda hija li fl-iqsar żmien possibbli ddaħħal kuxjenza akbar f’qalb iż-Żwieten dwar il-ħtieġa li napprezzaw, nirrispettaw u nieħdu ħsieb aktar il-wirt naturali, kulturali, ambjentali, storiku, etnografiku u arkeoloġiku taż-Żejtun u niesu.

Sa biex tintlaħaq din il-viżjoni l-għaqda:

  • tkun strumentali biex tħares u tkattar il-wirt tanġibbli u intanġibbli li jifforma l-istorja u l-kultura taż-Żejtun u niesu;
  • taħdem biex tipproteġi, tikkonserva, tirrestawra, tmexxi u tippromovi bl-aktar mod wiesgħa l-wirt storiku, kulturali u naturali taż-Żejtun;
  • tippromovi Wirt iż-Żejtun li mhux biss huwa l-qofol tal-identita’ Żejtunija iżda wkoll element li jsawwar l-Identita’ Nazzjonali f’kuntest Universali;
  • tqanqal interess fost it-tfal u ż-żgħażagħ f’Wirt iż-Żejtun;
  • tkun ta’ għajnuna għal studenti f’oqsma li jistgħu ikunu relatati ma’ l-istorja, il-ħarsien u l-immaniġġar ta’ Wirt iż-Żejtun;
  • tieħu sehem f’attivitajiet u proġetti lokali, nazzjonali, Ewropej u internazzjonali relatati mal-immaniġar tal-wirt kulturali bi skop li tesperjenza prattiċi professjonali f’dan il-qasam u fl-istess waqt ixxerred u tesponi Wirt iż-Żejtun ma’ organizzazzjonijiet oħrajn kemm lokali kif ukoll barranin;
  • tkun strumentali biex ittejjeb u ssaħħaħ id-dehra u l-isem taż-Żejtun permezz tal-awtentiċita’ ta’ Wirt iż-Żejtun u b’permezz t’hekk timmira biex tattira aktar Maltin li jżuru dan il-wirt;
  • taħdem biex tattira turiżmu ta’ kwalita’ lejn pajjiżna billi toffri prodott awtentiku;
  • tipprovdi għajnuna u pariri professjonali lil għaqdiet oħra fiż-Żejtun fl-oqsma tal-protezzjoni, l-immaniġġar, il-konservazzjoni u r-restawr tal-wirt kulturali u naturali;
  • tiġbor fondi u tapplika għall-fondi minn għejjun nazzjonali u internazzjonali u tgħin fi ġbir ta’ fondi bil-għan li jintużaw fil-ħarsien ta’ wirt iż-Żejtun; u
  • tiġbor fi ħdanha membri u sostenituri, [mhux biss Żwieten], li jemmnu fil-prinċipji tal-għaqda. 

Il-Logo

 

It-tifsira tal-Logo hi kif ġej:

  • Is-salib aħdar fuq sfond abjad hija l-emblema uffiċjali taż-Żejtun.
  • Il-burdura safra lewn id-deheb li ddawwar l-emblema uffiċjali tfisser ir-rikezzi li bihom huwa mżejjen iż-Żejtun.
  • Il-kuruna turi li ż-Żejtun huwa mgħolli b’ġieħ ta’ belt “Citta Beland”.
  • Il-kliem “WIRT IŻ-ŻEJTUN” huma miktuba b’linka ħoxna sewda.  Miktuba iswed fuq l-abjad bħal kitba f’testment miktub minn missirijietna meta għaddew wirthom lilna biex inħarsuh.
  • L-istrixxa ħamra minn lewn id-demm li fuqha qiegħda tistrieħ il-kelma “IŻ-ŻEJTUN” hija simbolu tat-tbatija li għaddew minnha missirijietna biex ħallewlna dan il-wirt.

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s