Il-Kappelli

Il-Kappella tal-Madonna tal-Bon Kunsill

Inti u dieħel iż-Żejtun, biswit il-palazz kbir li insibu f’Misraħ Karlu Diacono, insibu kappella żgħira iżda ta’ importanza kbira.

Din hija kappella privata li tifforma parti mill-palazz Aedes Danielis u nbniet minn Nobbli Enrico Testaferrata Bonici, Ġurat tal-Belt Valletta, fl-1760 u ġiet ikkonsagrata mill-Isqof Alferan de Bussan.  Il-Kan. Dun. Joe Abela jirreferi għal din il-kappella u jgħid, “L-ebda kappella fiż-Żejtun ma tgħaddi fl-unur, kif ukoll fir-rikkezzi lil din il-bażilika.”

Il-biċċa l-kbira tad-dekorazzjoni f’din il-kappella saret minn Manweli Testaferrata Bonici, Markiz ta’ S. Vinċenz Ferreri.  Hu żejjen il-kappella b’irħam mill-iffjen u kkummissjona lil aqwa artisti biex ipittru il-koppla u numru ta’ kwadri li nsibu fil-kappella.  Kien hu wkoll li għamel it-talba lil Papa Illjun XIII biex jonora lil din il-kappella bit-titlu ta’ Bażilika tal-Lateran.

Hekk naqraw fuq skrizzjoni li nsibu fuq il-bieb tal-kappella li tgħid: “Imgħaqqda mas-Sagrosanta Bażilika tal-Lateran bil-ħidma tal-wisq ġeneruż Manweli Testaferrata Bonici, Markiż ta’ San Vinċenz Ferreri, fit-8 ta’ Diċembru 1888.  Wara l-bieb minn ġewwa insibu skrizzjoni oħra: “Pietru Pace, Arċisqof ta’ Malta, din il-Bażilika, imwaqqfa ad unur tal-B.V. Marija tal-Bon Kunsill, u t-tlett altari li fiha, fit-8 ta’ Diċembru, 1891, bis-solennita’ kollha kkonsagra u ġiegħel li l-festa ta’ kull anniversarju ta’ din il-konsagrazzjoni ssir kull sena fl-istess jum.”

Fuq ġewwa nsibu numru ta’ skrizzjonijiet oħrajn li jirreferu għal diversi xogħolijiet ta’ dekorazzjoni li saru minn ġenerazzjonijiet differenti tal-familja Testaferrata Bonici fl-istess kappella.

Il-kappella hija wkoll imżejna b’numru ta’ kwadri fuq it-tila, barra il-pittura sabiħa li nsibu fuq ġewwa tal-koppla.  Insibu li il-kwadru ta’ San Ġużepp Labre’ pittru Ġiuseppe Calleja, filwaqt li Ġużeppi Cali’ pitter il-kwadri ta’  San Vinċenz Ferreri u Sant’ Antnin ta’ Padua.

Il-faċċata tal-knisja hija mibnija bi stil Barokk, biċ-ċentru tagħha jispikka l-bieb prinċipali li fuqu nsibu l-arma Pontifiċja minquxa fil-ġebel.  Mat-truf tal-faċċata insibu pilastri doppji li huma twal daqs il-faċċata u jagħlqu b’kaptelli tal-ordni Kompost.

Il-faċċata hija nkurunata bi frontuspizzju kbir b’medaljun li fih xbiha tal-Madonna tal-Bon Kunsill.  Fuq il-gnub tal-frontuspizzju sa ftit għexieren ta’ snin ilu kien hemm żewġ statwi tal-ġebel, waħda ta San Pawlu u l-oħra ta’ San Pietru li tneħħew u ma sarux oħrajn flokhom.  Il-kappella għandha wkoll sett qniepen mill-isbaħ.

Sfortunatament ir-rikezzi ta’ din il-kappella intilfu wara serqa li saritilha xi snin ilu.  Minħabba li din hija kappella privata ma kienx possibbli għalina li naqsmu magħkom ritratti minn ġewwa tal-knisja, pero’ nistednuk biex tittawwal lil din il-Bażilika matul il-festa tal-Madonna tal-Bon Kunsill li tibda tiġi iċċelebrata minn nofs April permezz tan-novena u l-festi jilħqu l-qofol tagħhom fis-26 t’April, nhar il-festa liturġika.

Referenzi:

ABELA, KAN. J. Il-Parroċċa taż-Żejtun tul iż-Żminijiet. Midsea Books Ltd. 2006.

Leave a comment