Pittura fil-Knisja Parrokkjali

Kwadru tal-Madonna tal-Karmnu

Fil-Knisja Parrokkjali, preċiżament fit-tielet nava tan-naħħa tan-Nofs in-Nhar, insibu l-artal iddedikat lil Madonna tal-Karmnu.

Il-kwadru titulari li nsibu fuq dan l-artal aktarx huwa xogħol il-pittur Bormliż Rokku Buhagiar (1725 – 1805), għalkemm uħud jattribwuxxuh lil Francesco Zahra.

Il-Kanonku Dun Joe Abela, fil-ktieb tiegħu “Il-Parroċċa taż-Żejtun tul iż-żminijiet” jgħidilna: “Meta l-knisja parrokkjali l-ġdida kienet qed tinbena, billi l-poplu taż-Żejtun kellu devozzjoni lejn il-Madonna tal-Karmnu, twaqqaf artal f’ġieħ il-Verġni Marija taħt dan it-titlu, fejn fuqu kienu jiġu ssufragati l-erwieħ tal-purgatorju.

F’dan il-kwadru naraw lill-Madonna u ‘l binha Ġesu’ bil-labtu tal-Karmelu f’idejhom u jgħatuh lil Santa Tereża l-Kbira u lil San Ġwann tas-Salib.  Isfel fir-rokna jidhru l-erwieħ tal-purgatorju.

Il-Kwadru Titulari

Il-kwadru titulari li nsibu fil-knisja parrokkjali huwa dak il-kwadru kbir li hemm wara l-artal maġġur, fil-kor.  Dan juri fih ix-xena tal-qtugħ ir-ras ta’ Santa Katarina.

Din il-pittura hija kopja ta’ kwadru titulari li nsibu fil-knisja ta’ Santa Caterina d’Italia, fil-belt Valletta.  L-oriġinal huwa impitter minn Mattia Preti u fih juri lil qaddisa tħares ‘l fuq b’ħarsa serena waqt li il-bojja qiegħed jislet is-sejf biex iqaċċat ras il-qaddisa.

Sa ftit snin ilu l-kwadru taż-Żejtun kien jiġi attribwit lil Stefano Erardi, iżda jkollna ngħidu li l-kwalita’ artistika ta’ dan il-kwadru mhux tal-livell ta’ Erardi.  Skond riċerka li għamel il-Kan. Dun Joe Abela fl-arkivji parrokkjali, jidher li dan il-kwadru sar meta fl-istess żmien Pietru Pawl Zahra u ibnu Francesco kienu qed jiddekoraw il-kor tal-knisja bejn l-1728 u l-1732.

Il-Kan. Abela iltaqa ma’ kitba dwar ħlasijiet li saru lil pittur Giovanni Antonio Mamo li kien ħadem flimkien ma’ Zahra.  Skond il-Kan. Abela kien proprju Mamo li ħadem din il-kopja.  Li rridu nsemmu wkoll huwa l-fatt li il-proporzjon tal-kwadru fiż-Żejtun huwa ittwal minn dak tal-Belt, u għalhekk jidher li għandu speċi ta’ estensjoni fil-parti ta’ fuq.

Bħal dan il-kwadru jeżistu kopji oħra kemm Malta kif ukoll barra.  F’Malta hemm kwadru żgħir li juri l-istess xena fil-knisja bażilika ta’ Santa Elena f’Birkirkara.  Fil-bażilika ta’ Santa Caterina ta’ Lixandra f’Pedara fil-provinċja ta’ Catania, Sqallija, hemm kwadru ieħor simili għal dak ta’ Preti.

Referenza:

Abela, J. Kan. Il-Parroċċa taż-Żejtun tul iż-Żminijiet. Klabb Kotba Maltin, 2006

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s