Villa Cagliares

Faċċata tal-Villa fuq Triq Ħajt il-Wied

Villa Cagliares - iż-Żejtun

Il-Kappella u Palazz fiċ-Cittadella,

Palazz ta' L-Isqof - Belt Valletta

Villa Cagliares fil-Kampanja qrib il-Buskett

L-Isqof Baldassere Cagliares kien bniedem iħobb l-arti, u għex fi żmien meta bejn il-knisja u l-istat kienet teżisti pika dwar min minnhom għandu l-aktar teżori artistiċi. L-Isqof Cagliares kien l-uniku Isqof Malti li kien mexxa d-djoċesi Maltija fi żmien il-ħakma ta’ l-Ordni bejn l-1530 u l-1798. Fil-fatt il-familja tiegħu kienet Għawdxija.

Skudett bl-arma tal-Familja Testaferrata

Arma ta' Testaferrata fuq funtana fil-ġnien

Arma ġdida ta' Cagliares

Kien fi żmienu meta ingħata bidu għall-bini tal-palazz ta’ l-Isqof fil-Belt Valletta fl-1622. Dan wara li sentejn qabel kien bena palazz ieħor għalih fiċ-Ċitadella, Għawdex biswit il-knisja żgħira iddedikata lil San Ġużepp. Fiż-Żejtun kellna x-xorti li Cagliares bena it-tielet palazz, jew villa, bħala residenza ta’ mistrieħ, din barra villa oħra li kien bena ftit il-barra mill-Buskett.  B’xorti tajba din il-villa baqgħet wieqfa sa llum. Ħafna nies jafuha bħala “It-Tempju”, oħrajn bħala Villa Cagliares. Din il-villa tinstab fl-ibax parti taż-Żejtun, fil-bidu ta’ Triq Ħajt il-Wied, hekk kif tintem Triq Taltas, jew kif inhi magħrufa l-ħara, f’Ħajt il-Wied, fir-Raħal t’Isfel.

L-iskultura fuq l-artal tal-kappella qabel ir-restawr

L-iskultura fuq l-artal tal-kappella wara r-restawr

Dettal mill-iskultura tal-kappella wara ir-restawr

Għalkemm dawn l-inħawi kienu l-aktar parti baxxa taż-Żejtun, u għalek kien jinġabar ħafna ilma fihom, mingħajr dubju dawn kienu l-isbaħ parti mill-kampanja li ddawwar lir-raħal. Fil-fatt Wied Mazza, il-wied li jgħaddi minn wara l-villa, għadu sal-llum iħaddar b’masġar, kważi bosk żgħir b’siġar tal-ħarrub.

Mhux magħruf eżatt meta nbniet il-villa, iżda żgur li din inbniet fil-bidu tas-Seklu XVII, meta Cagliares kien diġa Isqof. Il-bini minn barra huwa kemm xejn sempliċi mill-att arkitettoniku. Nieqes mit-tiżjin li s-soltu mdorijin naraw f’palazzi u vilel simili. Li kieku mhux għall-koppla tal-kappella li hemm fl-istess villa u l-appramorta bil-ballavostri li ddawwar l-istess koppla, diffiċli biex minn barra wieħed jintebaħ mal-ewwel li dak li hemm quddiemu huwa ta’ bil-ħaqq bini ta’ valur storiku. Jekk tifli l-faċċata aktar bir-reqqa, wieħed jintebaħ li f’nofs il-faċċata, iżda fil-għoli sewwa hemm skudett, jew arma minquxa fil-ġebel. Din l-arma mhix ta’ Cagliares iżda tal-familja nobbli Testaferrata u bħala hemm oħra fuq funtana ma’ ħajt fil-ġnien tal-villa. B’hekk jidher li din il-villa xi żmien għaddiet għand din il-familja u kif jidher li il-villa oriġinali ta’ Cagliares tkabbret għal kif narawha illum. Jidher li il-kappella u possibiliment parti mis-sular ta’ fuq jiffurmaw parti minn dan it-tkabbir li aktarx sar fis-seklu tmintax.

Il-Koppla minn ġewwa wara ir-restawr

'Ċella' li hemm f'parti mill-Villa

Il-kittieb E.B. Vella ta spjegazzjoni ta’ dan il-bini fil-ktieb tiegħu ta’ l-1927 “L-Istorja taz-Żejtun u Marsaxlokk”, fih jirreferi għal arma oħra. Din kienet ta’ l-Isqof Cagliares u kienet tinsab fuq id-daħla tal-bieb li jgħati għall-bitħa tal-villa. Din l-arma kienet intilfet.

It-twieqi kbar fil-faċċata qiegħedin fil-għoli sewwa u tista’ tgħid li fis-sular ta’ isfel ma kien hemm ebda aperturi ħlief il-bieb ta’ barra, ħaġa ċara li r-raġuni kienet dik ta’ sigurta’. Il-villa kellha twieqi oħrajn ta’ l-istess daqs fuq in-naħħa ta’ wara iżda li maż-żmien ingħalqu. L-aċċess prinċipali tal-bini huwa minn ġo bitħa li tinsab mal-ġenb tal-villa.Dwar x’fih il-bini minn ġewwa, E.B. Vella kiteb hekk: “Il-palazz hu mqassam f’ħafna kmamar, kapella b’ħafna skultura sabiħa (il-lum isservi għat-tiben!) u b’ċelel bħal ta’ ħabs.”

Il-Bitħa tal-Villa qabel ir-restawr

Żjara fil-bitħa tal-villa waqt attivita' ta' Wirt iż-Żejtun

Fortunatament din il-villa, madwar għaxar snin ilu inxtrat minn sidien ġodda u mill-ewwel beda xogħol sa biex tiġi irrestawrata. Meta daħlu fiha is-sidien il-ġodda sabu li l-kappella kienet għadha mimlija tiben, hekk kif kien sabha E.B. Vella fl-1927. Sabu wkoll li bosta partijiet tal-villa kellhom ħsarat strutturali.

Illum il-villa hija kompletament irrestawrata u abitata wara snin ta’ ħidma sa biex ġiet salvata. Għandna nkunu rikonoxxenti lejn dawn is-siddien li bis-saħħa tagħhom dan il-wirt arkitettoniku ġie salvat.

Tajjeb li insemmu wkoll li fl-2006, ix-xogħol ta’ restawr li sar ġie ippremjat minn Din l-Art Ħelwa, Prize for Architectural Heritage, Prix d’Honneur.

Referenzi:

E.B. Vella; L-istorja taż-Żejtun u M’Xlokk. 1927

Ruben Abela; Cagliares, Perellos u ż-Żejtun. Iż-Żejtun – Festa Ġunju 2001.

Advertisements

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s