Attivitajiet li saru fl-2012

13 ta’ Diċembru 2012

DSCN3333DSCN3351Għal din l-attibita’ s-sala ta’ quddiem il-presepju mekkaniku li hemm fl-Istitut Ġesu’ Nazzarenu fiż-Żejtun kienet mimlija nies sa biex isegwu preżentazzjoni dwar dan il-presepju li saret minn Joseph Pavia.

L-attivita’ bdiet billi xxandret intervista li saret ma’ Pawlu Pavia, iz-ziju ta’ Joseph, li kien responsabbli mix-xogħol ta’ inġinerija sa biex il-pasturi tal-presepju jiċċaqalqu.

Wara din l-intervista, Joseph għamel spjegazzjoni dettaljata dwar ix-xogħol ta’ restawr li sar s’issa fuq il-presepju.  Permezz ta’ ritratti wera wkoll il-kundizzjoni prekarja ta’ partijiet mill-presepju, li jekk mhux ser jissewwew, f’qasir żmien partijiet mill-presepju jistgħu jikkrollaw.

Presepju Istitut

Dan il-presepju, li għandu 65 sena, illum jifforma parti mill-wirt ettnografiku li għandna ż-Żejtun u għalek aħna fid-dmir li ngħinu sa biex dan jiġi ikkonservat u rrestawrat sa biex jibqa’ jitgawda mill-ġenerazjonijiet ta’ warajna.

6 ta’ Lulju 2012

Nhar il-Ġimgħa 6 ta’ Lulju Wirt iż-Żejtun organizzat lejla informattiva u rikrejattiva fi Ġnien Luqa Briffa.  Din is-sena is-suġġett diskuss kien l-Għana Malti.  Għal din l-attivita’ ġew mistiedna is-Sur Charles Coleiro; li żgur m’għandu bżonn ta’ ebda introduzzjoni f’dan il-qasam, u l-istudjuż u riċerkatur is-Sur Steve Borg.

Is-Sur Charles Coleiro ta tifsira dettaljata ta’ l-għana Malti u spjega id-diversi forom ta’ għana hekk kif imħaddma mill-għannejja lokali.  Sa biex iżewqu din l-ispjega taw kontribut xi għannejja Żwieten li għannew siltiet li kkumplemtaw l-istess spjega.  Mikiel Cumbo u Żeppi Spagnol akkumpanjati mill-kitarristi Gustu Zammit u Janice Spagnol bdew biex għannew silta botta u risposta jew kif ħafna jafuha bħala għana spirtu pront.  Janice għanniet silta simili ma’ missiera Żeppi.  Wara li Charles fisser x’inhi l-għana la Bormliża, Mikiel Cumbo għana silta minn din l-għanja.  Silta mill-għana tal-fatt dwar l-inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq Anton Buttigieg fl-2009 tgħanniet minn Zeppi Spagnol wara li Charles Coleiro fisser lil dawk preżenti l-arti ta’ għanjiet bħal dawn u għaliex kienu jsiru.

Janice għannitilna wkoll silta minn dik magħrufa bħala għana tal-banju, li spiss kienu jgħannu n-nisa huma u jagħmlu l-ħasla.

Is-Sur Steve Borg beda l-preċentazzjoni tiegħu billi fisser lil dawk preżenti id-differenza bejn wirt tanġibbli u dak intanġibbli.  L-għana Malti jaqa’ f’din ta’ l-aħħar.  Wara ħadna madwar diversi pajjiżi fosthom dawk fin-naħa t’isfel ta’ l-Ewpropa u ġabar x’qed jagħmlu dawn il-pajjiżi biex iħarsu dan il-wirt b’mod partikolari l-għanjiet u l-istrumenti folklorisitiċi tagħhom.  Il-mistoqsija spissa li beda jagħmel Steve kienet: “Aħna x’qed nagħmlu biex inħarsu l-għana Malti?”.  Hu spjega fid-dettal dak li sar s’issa mod partikolari mill-Għaqda Ħbieb ta’ l-Arkivji Nazzjonali, fejn permezz tagħhom numru ta’ zigarelli ta’ għana Malti qed jiġu ikkonservati u proservati fl-arkivji nazzjonali.

Huwa wkoll wera xi ritratti antiki ta’ numru ta’ għannejja Żwieten waqt li kienu qed jgħannu fid-diversi ħwienet tax-xorb li kien hawn fiż-Żejtun.  Barra minn hekk semma xi siltiet ta’ għana li jmorru lura fiż-żmien.

Waqt l-istess attivita’ ġie mistieden ukoll l-artist Żejtun Joe Baldacchino li pitter xeni mill-ġnien waqt din l-istess attivita’ sabiex toħroġ aħjar ir-rabta bejn l-għana Malti u l-Arti.

Għal din l-attivita’ m’attendewx biss membri ta’ Wirt iż-Żejtun iżda kien hemm preżenza saħansitra ta’ nies minn barra iż-Żejtun.  Dawk preżenti fl-aħħar tal-preżentazzjoni għamlu xi mistoqsijiet dwar is-suġġett lil kelliema.  L-attivita’ intemmet b’bibita żgħira f’dan il-ġnien storiku.

Nirringrazzjaw lil Kunsill Lokali taż-Żejtun li tana l-peremss nużaw dan il-ġnien u lil Parroċċa taż-Żejtun li selfitna s-siġġijiet u l-apparat ta’ amplifikazzjoni tal-ħoss.

Charles Seychell għoġbu jiktbilna din il-poeżija:

IL-GHANA MALTI TAGHNA ILKOLL

Il gimgha 6 ta lulju
Gewwa il gnien tal-kmandant
Saret laghqa nteressanti
Minn tal-ghana delettant

Mistiednin sur charles coleiro
Steve borg ir-ricerkatur
Tkelmu fuq il-wirt tangibbli
Jekk l-ghana ghandux futur

Maghhom kellna xi ghannejja
Illi taghwna xi ghannjiet
Kif inhu mqassam l-ghana
Fisrulna it-taqsimiet

Kellna minn qieghjed ipingi
Wahda mill-ikbar sigriet
Waqt l-ghasafar fis jittajru
Sabiex jorqdu fil-bejtiet

Wara kellna ftit xi naqqru
Kemm kien tajjeb fil-palat
Hobz biz-zejt anki fazola
Kollox kien organizzat

Tant habriek ruben abela
Ta din l-ghaqda president
Bil-pariri siewja tieghu
Nisghtu nsalvaw l-ambjent

Kull minn ghandu zigarelli
Jew ritratti tal-passat
Ghanna sew nikkultivawhom
Inzommuhom fl-aqwa stat

Steve heggeg lill dawk prezenti
Biex joghzzu kull materjal
Dmirna hu li niehdu hsiebhom
Biex igawdu t-tfal tat-tfal

CHARLES SEYCHELL 7-7-2012

3 ta’ Ġunju 2012

Żjara fil-Forti Sant’ Anġlu

Nhar il-Ħadd 3 ta’ Ġunju, Wirt iż-Żejtun organizzat żjara fil-Forti Sant’ Anġlu fil-bidu ta’ proġett ta’ restawr ta’ dan il-forti li qed jittmexxa minn Heritage Malta u bil-għajnuna ta’ fondi mill-Unjoni Ewropeja.

Il-grupp li fosthom kien hemm ammont sabiħ ta’ membri ta’ Wirt iż-Żejtun ġew imdawwra mill-kuratur tal-forti is-Sur Matthew Balzan.  Iż-żjara bdiet mill-Palazz ta’ l-Inkwiżitur fejn bħal issa hemm wirja għaddeja fejn tispjega fil-qosor dan il-proġett.  Wara il-grupp daħlu fil-forti u ġew imdawwra mall-partijiet li ser jiġu irrestawrati u fil-preżent huma taħt ir-responsabilta’ ta’ Heritage Malta.

Id-dettalji tal-proġett ġew spjegati li dawk preżenti, b’uħud ukoll jaqsmu l-opinjoni tagħhom dwar dak li hemm propost.   Dawk li attendew apprezzaw ħafna il-ħidma li qed issir minn Heritage Malta sa biex twassal dan il-ġojjel fl-istorja ta’ pajjiżna lil pubbliku Malti u turisti barranin b’mod ferm aħjar milli jinsab illum.


22 t’ April 2012

Mixja fir-Raħal ta’ Fuq

Nhar il-Ħadd 22 t’April, organizzajna t-tieni mixja kulturali għal din is-sena.  Din ħaditna fir-Raħal ta’ Fuq.

Matul din il-mixja skoprejna flimkien x’joffru iż-żewġ irħajla ta’ Ħal-Biżbud u Ħal-Ġwann li llum huma aktar magħrufa bħala ir-Raħal ta’ Fuq.  F’dawn l-inħawi, barra iż-żewġ kappellel zgħar ta’ Sant Marija u tas-Sinjura, li grazzi għall-Parroċċa taż-Żejtun kellna ċans naraw minn ġewwa, hemm ukoll numru ta’ binjiet storiċi, uħud b’rabta diretta ma’ l-Ordni ta’ San Ġwann, oħrajn ma’ familji nobbli Maltin.    Iżda anke f’binjiet modesti u foqra li nsibu matul uħud minn dawn it-toroq hemm ħwejjeġ interessanti bħal muxrabija, l-imsaqqfa u x-Xaqq ta’ Tilla.

Kien nofs ta’ nhar fejn dawk li attendew, anke jekk kienu minn l-inħawi, bdew jaraw dak li hemm madwarhom minn perspettiva differenti.

Għal din l-attivita’ kien hemm attendenza sabiħa ħafna.  Jekk trid taqra aktar dwar din il-mixja ikklikkja hawn.

29 ta’ Marzu 2012

Intervista Pubblika ma’ Vince Abela

Fil-knisja parrokkjali taż-Żejtun, Wirt iż-Żejtun għamlet l-attivita’ annwali tagħha marbuta maċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa.

Din is-sena l-attivita’ reġgħet ħadet il-forma ta’ intervista pubblika, din id-darba saret ma’ l-artiġjan u restawratur Żejtuni, Vince Abela.  Vince, li huwa restawratur tax-xogħol fl-injam, ilu attiv f’din is-sengħa għal dawn l-aħħar għoxrin sena.  Huwa kellu l-ewwel impjieg tiegħu f’dan il-qasam mad-Dipartiment tal-Mużewijiet u wara ma’ Heritage Malta.  Illum huwa jaħdem fl-uffiċċju tal-President tar-Repubblika fejn jieħu ħsieb il-manutenzjoni u restawr ta’ l-għamara li hemm fil-palazzi tal-President.

Vince huwa wkoll wieħed mill-bosta dilettanti tal-Ġimgħa l-Kbira fiż-Żejtun.  Fil-fatt huwa wkoll il-prokoratur ta’ l-vara ta’ l-Ort.  Huwa kien ukoll direttament involut fir-restawr ta’ diversi opri, fosthom numru ta’ bradelli tal-vari.  Ħadem ukoll xi xogħol ġdid fl-interzjar, fosthom is-salib ta’ l-anġlu ta’ l-Ort, kif ukoll kompla u lesta il-bradella ta’ Pilatu.  Fil-preżent qiegħed jaħdem bradella ġdida għall-vara ta’ Ġuda.  Is-sena li għaddiet irrestawra is-salib tar-Redenetur.

Kien waqt li qed jirrestawra dan is-salib artistiku li Vince għamel skoperta li wasslet għall-għażla tas-suġġett ta’ din l-attivita’.    Waqt li kienet qiegħed jagħmel xi xogħol konness mar-restawr ta’ waħda mit-truf tas-salib, Vince induna li dan it-tarf kellu injama imċaqalqa minn postha.  Hekk kif qalagħha skopra li fuq l-injam minn ġewwa kien hemm isem u data.  L-isem kien ta’ Mose’ Dalmas u d-data kienet 7-3-12.

Dan fisser li is-salib din is-sena għalaq mitt sena minn meta inħadem.

Waqt din l-attivita’, barra li għamel referenza għal diversi biċċiet artistiċi maħduma fl-interzjar u li jiffurmaw parti mill-wirt artistiku tal-parroċċa taż-Żejtun, Vince spjega fid-dettal l-artiġjanat ta’ l-interzjar u l-għodod li intużaw matul żminijiet differenti.  Huwa tkellem ukoll dwar diversi stili u livelli artistiċi li nsibu f’dan l-artiġjanat.

Din l-intervista tmexxiet mill-ġurnalista Fiona Vella u nżammet quddiem udjenza li kienet għatxana biex tisma’ u issegwi dak li kien qiegħed jintqal.

25 ta’ Marzu 2012

Niskopru Bisqallin

Wirt iż-Żejtun għamilna l-ewwel mixja kulturali għal din is-sena u li permezz tagħha dawk li attendew skoprew Bisqallin, jew kif nafuh aħna iż-Żwieten – ir-Raħal t’Isfel.

L-ispjegazzjoni tul din il-mixja saret bil-lingwa Ingliża għaliex għaliha ġew mistednin residenti barranin li joqgħodu iż-Żejtun.  Għal din il-mixja attendew madwar sittin ruħ fosthom ukoll grupp mill-Friends of the Maritime Museum.

Il-mixja bdiet minn fuq iz-zuntier tal-knisja parrokkjali u ħaditna matul Triq Ħabel ix-Xgħir għall-knisja tas-Salvatur.  Hawnek dawk li attendew setgħu jidħlu fil-knisja u jsegwu spjegazzjoni li saret dwar l-istorja ta’ din il-knisja.  Minn hemm imxejna għall-Misraħ Bandolier u Misraħ l-Ibjar.  Dħalna wkoll fi Sqaq San Bastjan jew kif inhuma magħrufa l-inħawi bħala Ħal-Tmikki.  Rajna wkoll id-dar ta’ Klement Tabone qabel ma dħalna fil-knisja li bena huwa stess, dik ta’ San Klement.

Wara li rajna Ħajt il-Wied, grazzi għas-sidien ta’ Villa Cagliares, kellna l-opportunita’ li inżuru il-bitħa prinċipali ta’ din il-villa.  Minn hemm qbadna triqitna lura lejn il-pjazza minn Triq Taltas, Triq Villa Cagliares u Triq il-Kbira.

L-ispjegazzjoni li saret kollha bl-Ingliż saret mill-President ta’ Wirt iż-Żejtun, Il-Perit Ruben Abela.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s